Monday 18 December 2017



Int Bħali Donnok Tilgħab.

Int bħali donnok tilgħab
Bl-ispazji trasparenti
Fid-dawl ta’ qamar kiebi
Fuq bjut inkandexxenti.

U bħali tħoss kull wesgħa
Qed titlef il-konfini,
U moħħi jibda jgħidli
B’kull xrara li tiġini.

U nħossok li qed tara
U tħares ġewwa fija
U taf dak li qed naħseb,
Kull xewqa tiġri bija.

U nħossok qed titbiegħed
U terġa’ tiġi lura
Kull darba trid tfakkarni
Is-sens ta’ kull figura.

Is-sens tal-eżistenza,
Bħal min kien qed jistenna
Bla waqt, bla ħin, il-fehma
Bħal min irid jithenna.


Alfred Grech 18/12/2017

No comments:

Post a Comment