Wednesday 22 November 2017



Dik l-Għera.
Mal-għera ta’ dal waqt jien naħli ħajjti,
U tkun is-sagrifiċċju li jrid jifdi
Dil-fehma lluminata ta’ min staqsa,
Mal-għera ta’ dal- waqt kull ħoss idarras
U jsir id-distrazzjoni biex niftakar.
Niftakar fik, niftakar li neżisti
Kull waqt li ma tkunx hemm u jien nistħajjlek.
Jien nista’ ndum inwiegħedek elf mitt darba,
U qatt ma nasal għax hemm xi jtellifni.
Din l-għera xħin distratt ma nkunx neżisti,
Ta’ meta ma nkunx hawn, inkun nivvjaġġa,
Li fiha mqar is-skiet f’qoxortu jidħol
Għax bejn il-ħajja u mewt m’hemmx bogħod xi dinja,
Għax filli hawn u filli xejn ma tkun taf aktar,
U taf jekk hux dal waqt il-waqt tal-issa,
U terġa’ tħares lura biex tistaqsi
Jekk dak kontx int inkella kienx ħaddieħor,
Bħal dawk li jgħixu s-skiet tal-eremita,
Għax dawk m’għandhomx għalfejn ilissnu kellma,
Għax dawk ħajjithom saret poeżija.

Alfred Grech
22/11/2017


No comments:

Post a Comment