Sunday 26 November 2017



Inti, li Sebbħet it-Tbissima fuq Xofftejk.*

Inti, li sebbħet it-tbissima fuq xofftejk,
Imbagħad il-dalma waqgħet u waqa’ s-skiet,
għidilna meta tkun it-tieni miġja biex jien nikkntemplak.
Jien nerfgħek fuq idejja u bik nittajjar
’l-fuq mis-sħab,
hemmhek fejn l-arja tonqos.

Ja mara ta’ swied il-qalb,
twissija jien m’gġandix għalik filwaqt li tolfoq,
maħbuba ta’ bla wiċċ u mingħajr isem.
meta se tislita dik l-imħabba
mid-dlam ta’ qalb imweġġa’,
minn xqux l-abbiss tar-ruħ u tat-turmenti?

Ja mara tal-eklissi,
ix-xemx innawfragat fil-baħar tiegħek
u jiena niġi ħdejk biex waħda, waħda,
noqgħodu ngħoddu ż-żibeġ tal-kuruna,
inkella nitfu ’l-kiewkeb,
inkella ndommu f’dil-ħarira rqiqa, rqiqa,
bebbux u ħgieg u perli,
li nsibu fuq ix-xtajta.

Ja mara tas-skiet u tas-silenzji,
bl-impronta tad-daqqiet ta’ ħarta
li ġġor ġo fik elf mitt misteru,
fuq sidrek straħ qaddis tad-dijademi
u qalbek tnixxi xmara  redenzjoni,
ġo ruħek in-nirien ta’ fidwa ġdida.

Ja mara tal-misteri
sibilla trojonfanti ta’ kliem sieber,
sirena tal-pjaċir u t-tentazzjoni,
sieħba siekta ta’ kuljum , anġlu bla ġwienaħ,
inti li tkellimt maż-żminjiet
bl-amnigwita’ tal-profeziji
għanjiet mgħobbija lixka seduċenti,
li tħalli rima fwieħa minn fejn tgħaddi
mistika r-rimja li tħalli u ma tifhimhiex.
Jiena ma nista’ qatt inkun dixxiplu tiegħek
għax meta sfajt imsawwta w imżebilħa
Dawart wiċċi n-naħħa l-oħra.

Alfred Grech
26/11/2017



·        * Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa

No comments:

Post a Comment