Monday 27 November 2017



Trid Tkompli, Ma Tieqafx.

Jekk nikteb dak li nikteb,
Qed nikteb dak li nħoss,
Jekk taqra dak li naħseb,
Tkun tħares ġewwa foss.

Tkun qiegħed taqra lili
Magħfus u tturmentat,
Għax qed inħares l-isfel,
Issibni f’dan l-istat.

Għax qed inħares l-isfel,
Fid-dlam ta’ bir bla qiegħ,
Infittex dak li nfittex,
Infittex is-sabiħ.

Infittex dak li nfittex,
Infittex ma nsib xejn,
U nibqa’ mank nitkellem
U nibqa’ bejn ħaltejn.

Taħdida nibda ħierqa
Ma dak li ma nafux,
Insejjaħ, bla tweġiba,
Xi ħadd li donnu mhux.

’Mma dak li qed ifittex,
Xi ħadd li jien ma nafx,
Xi ħadd nisimgħu jgħidli,
Trid tkompli, ma tieqafx.

Alfred Grech

27/11/2017

No comments:

Post a Comment