Thursday 16 November 2017



Ma Jkunux Dawn

Ma jkunux dawn jgħidulna x’għandna nagħmlu,
Kif għandna nġibu ruħna fi ħwejjiġna,
Jaraw l-għawar u l-ħmieġ fil-bitħa tagħhom
U lilna ftit bi kwietna jitliquna.
Jisimgħu jekk iridu b’min jitkaża,
Lil min imur jixlina mal-barrani,
Għax ġifa u ma felaħx iġorr il-weġgħa
U jġib is-saħta f’daru b’xi konfoffa.
Aħna ċkejknin m’aħniex tal-qata’ tagħhom,
U lanqas għandna s-saħħa tar-riżorsi,
Fin-numru żgħar, jgħadduna kemm jifilħu,
Ħerġin minn taħt il-madmad ta’ ħaddieħor.
Bil-mod il-mod insibu wkoll saqajna,
U l-post ħadnieħ ukoll mal-eżaltati,
Fl-arena tal-ħelsien drajniha l-logħoba
Irridu qalb l-ilpup inkunu bħalhom.
Għax aħna dejjem zgħar, lil ħadd ma rfisna,
Imm’huma fit tgħawwiġ il-qawwa tagħhom,
Fil-gideb u t-tnassis fl-ipokrizija,
‘Mma lilna qatt mhu se jħammrulna wiċċna.
Għax ma sfruttajna ’l-ħadd, lil ħadd ma sraqna,
Tajbin sabiex insawwtu lilna nfusna;
Lil ħadd ma nikkmandaw kif għandu jaħseb,
Inġibu għarkuptejħ, inkella njassru.
Għalhekk ħalluna lilna ftit bi kwietna,
Nixorbu tal-imrar u s-sogħoba l-kalċi.
Qatt taħsbu iżda li sejjrin tagħllmuna
X’inhi, kif għandha tkun tal-ħaqq is-saltna.

Alfred Grech

16/1/2017

No comments:

Post a Comment