Wednesday 15 November 2017






U Dak Li Tara.

U dak li tara!
Xi tkun qed tara
Xħin tiftaħ għajnejk?*

Tara l-kwiekeb qed ipetptu
Tara d-dalma fuq għajnejk,
Tara kollox bla ma tara,
Terġa’ lura minn fejn ġejt.

Bħalma l-weraq tal-ħarifa
Tara jdur u jtir mar-riħ,
Hekk inħossni ndur u nagħqad
Bħal min lanqas hu f’sessieħ.

X’terġa’ tara malli tiftaħ
Tbexxaq ħarstek f’dawl għajnejk,
Jiena lilek nerġa’ nara
Demgħa ġġelben fuq ħaddejk.

Iżda din mhix ħemda vojta,
Dan hu skiet li  ridtu jien.
Lilek nerġa’ nsib ma wiċċi
Għax fittixtek kullimkien.

Alfred Grech
15/11/2017.

*”Tħabbat Xtaqtek Djarju Mill-Ermitaġġ” Gioele Galea paġna 25.

No comments:

Post a Comment