Wednesday 10 July 2019



 Image result for last judgment michelangelo
Bħal Diwi.

Bħal diwi jtenni dak li kellna f’moħħna
marsusa fil morsa tal bizgħat mistħajjla,
biex issa spiċċajna fil-ħolm tad-dellijiet
li kienu u fil-kitbiet ta’ fuq il-mafkar
li għad iridu juru fejn darba konna.
Dan it-twerdin u dawk il-graffiti
setgħu xi darba jlissnu l-ħlieqa
jew l-aħbar li tkun rivelazzjoni
tax-xejn li aħna, jew aħna minn fejn ġejna.
Iżd’aktar ma jgħaddi ż-żmien
aktar insiru barranin ġewwa qoxritna
f’did-dinja mitluqa bħal ballun tal billjard
fil baħar xurban tal-spazju.
Jista’ jkun li għad xi darba ngħidu
li aktar m’għadniex il wild ta’ din id-dinja
dil-pjaneta li sawwritna u sammritna
mad-destin tagħha u li tagħtna l-qilla
u l-kburija li nistaqsu.
Minn fuq il-quċċata li għad xi darba nilħqu
u ġewwa l-ġrajja mhix miktuba
ta’ jasar u delużjoni
indommu ftit ftit l-annali
ta’ ġrajjietna, nħożżu kull tqanqila
li l-art tagħmel din l-art li welldet kollox.
Niddejjqu xħin inġarrbu l-aħħar eklissi
ta’ ruħna u nilmħu l-kapsula spazjali
toqrob aktar lejn ġudizzju universali.
Fiż- żmien dan kollu tħabbar mill-profeti
li qalu wkoll li għad mill-ġdid nitwieldu.

Alfred Grech
10.07.2019

No comments:

Post a Comment