Monday 15 July 2019


Related image

Mitlufa l-Poeżija.

Mitlufa l-poeżija li toħroġ mid-djieq imdellel tal-fissuri
ulied id-dlam imtertaq ta’ mħuħ li baqgħu lura
tal-profondita’ bla qies
għaliex mhemm xejn li jista’ jifdi dal-ġens mgħammad
misjuq lejn jasar il-gaġeġ u l-barumbari
għax hekk hi s-sejjħa ta’ dal-poplu.

Issa l-poeżija trid toħroġ bl-iktar saħħa
imqar jekk din tisfronda l-barrieri u barrikati
tal-imrieżaq illuminati.

Aħna nibqgħu għaddejjin fis-skiet tul il-perkors
u lilhom inħalluhom jinħlew fil-blugħat
ta’ mil-lum għal għada.

Aħna nibqgħu insalpaw lejn xtut li ma nafux
lejn xefaq li kull ma jmur jitbiegħed aktar
u lilhom inħalluhom hemm jistagħdru
fil-baħar baxx matul ix-xtajta
fl-għadira tajn fejn imdorrija.

Mhumiex ta’ min jikkalpestahom
għax twieldu hekk, għax sabu min isuqhom
għax għandhom min jagħmilhom
il-mudelli tiegħu
għax għaġnuhom
inkwinaw il-mudullun ta’ moħħom
u issa lanqas moħħ ma għandhom
biex jaħsbu jekk, qatt ħasbu,
għax baqgħu ma tgħallmux u sfaw ilsiera
ta’ dak kollu li bellgħulhom.

Alfred Grech
15/07/2019


No comments:

Post a Comment