Saturday 13 July 2019



Related image

Il-Punt tal-Tluq.

F’liema nfern dalgħodu tfajtni
ja sibilla mġewwħa tibla’ sustanzi alluċinanti?
Jien tbiegħedt kemm stajt mill-għana tas-sireni
li hemm jissieltu fil ħabs ta’ sidri
biex nasal hawn fuq din ix-xtajta
l-aħħar tragward  ta’ ruħ li tfittex lilha nfisha.

Mal-vaguni għaddejjin quddiemha
tal-ġrajjiet tal-ħajja tisma’ biss dik it-tifsira
li għandha mill-għana tas-sireni
li kienet dejjem u tibqa’
l-anġlu tas-saħta
tal-ħofor moħbijin tul il-perkors.

Jekk kienet l-ambulanza,
il-pulizija jew il-magna tat-tifi tan-nar
xorta waħda kont taf u kont avżat
li wara s-sejjħa tas-sireni
hemm saram kbir li jfixkillek il-viżjoni
iħabbillek il-boxxla
u jitfgħek ħafna lura
biex terġa’ għall-darb’oħra fil-punt tat-tluq.

U kemm il-darba sibna ruħna hawnhekk
proprju hawnhekk
fil-punt tat-tluq?

Alfred Grech
13/07/2019

No comments:

Post a Comment