Sunday 28 July 2019



Related image
Issa Li Bdejna Ntennu l-aħħar Strofi.

Issa li bdejna ntennu l-aħħar strofi ta’ dina l-għanja tagħna
din l-għanja l’għannejniha kemm il-darba,
Din l-ghanja mqanżħa, din il-poeżija ta’ bla rima u ta’ bla ritmu
il-melodija mpromptu
ma nafux kif u fejn sejjra tispiċċa
jekk hux bil-koda. bl-allegrija, bil krexxendo maestuż
tnin tnin sakemm il-ħemda tiġi fuqna
inkella tieqaf sobtu
nintebħu li l-kolonni qed jiddajjfu
u t-tifkira ssir opaka u kull ma jmur tiċċajpar.

Għax hekk tispiċċa l-għanja tal-għanjiet
fuq korda stunata bit-temp x’aktarx jitqal u minn daqqiet jitħabbel.
Għax issa dħalna fid-dlam tas-sotterran,
u bqajna nkaxkru fil-penumbra
qabel ma sseħħ l-eklissi totali
u nistennew qiegħdin li għad iseħħ
dak li webbluna biħ sa minn ċkunitna.

Issa m’għadux iż-żmien li nħarsu ‘l-quddiem
u ngħoddu l-iskalluni ta’ sellum li jasal fl-infinit
ta’ sema trasparenti.

Issa ż-żmien ukoll waqaf
u l-pendlu tal-arloġġ qadim fil-pjan tat-taraġ
għejja.

Għax issa tlaqna l-kurrenti biex inħarsu ftit madwarna,
fejn ninsabu, u sibna
li m’aħna qiegħdin imkien.

Alfred Grech
29/07/2019.


No comments:

Post a Comment