Saturday 10 August 2019


Image result for Not Knowing,

Int Tista’ Ma Tifhimx.

Int tista’ ma tifhimx
għaliex jien mort nistaħba
dort wara  l-kantuniera
u f’daqqa sirt l-assenti.

Int tista’ ma tifhimx
għax jien waqajt fil-muta
għax nagħmel bħal bebbuxu
u nidħol ġo qoxorti.

Int ista’ ma tifhimx
għaliex kull tant naħarbek
u rokna nsib għal ħemda
indaħħan ħolm il-pipa.

Int tista’ ma tifhimx
għax waqa’ s-skiet bejnietna
u tela’ ħajt u ntefa’ d-dawl
u niżel is-siparju.

Int tista’ ma tifhimx
għax issa tlabtek skuża
għax f’daqqa sirt profeta mnebbaħ
u ntbaħt bl-iżbalji tiegħi.

Int tista’ ma tifhimx
kif sibna t-triq għan-niżla
u ma ntbaħniex
għax ma konniex
uħud minn dawl magħżula.

Int tista’ ma tifhimx
li xħin fl-għajnejn ħarisna
missejna s-sema u l-infinit
u sibna t-triq tal-ġenna.

Dan huwa ward li jiena qtajt
mill-ġnien tas-seħer tiegħek
int ħienja tkun ma dawk l-erwieħ
li nġarru mal-kurrenti.

Jien nibqa’ hawnhekk fuq dan l-iskoll
nistenna l-fewġa ġejja
l-iskoll li m’għannaq qatt
il-baħar ta’ madwaru.

Alfred Grech
10.08.2019.

No comments:

Post a Comment