Tuesday 20 August 2019


Image result for che colpa ne ho?

X’Tort Għandi?

X’tort għandi jien bħal barri naqta’ l-ktajjen
Bħaż-żingari ma nagħraf ebda rbit.
Minn żmien għal żmien infittex pjazza ġdida
Imqar jekk naf li nasal bit-taħbit.

X’tort għandi jien ma nafx fejn għandi nieqaf,
U nibqa’ ndur u nagħqad sa ma mmut,
Bħal kewkba feġġa, taqsam, tisparixxi
U nsalpa f’baħar wiesa’ ta’ bla xtut.

Għax qatt m’emmint li l-ħajja hi biss taraġ,
Li tiġbor, tgeddes, tfaddal bla mistrieħ,
Kif jafu jagħmlu biss in-nies tad-dinja
U f’daqqa ssib li kollox tar mar-riħ.

X’tort għandi jien jekk ruħi vagabonda,
U tgħanni dejjem l-għanja ta’ ba żmien
Fuq dahri hemm l-ilwien ta’ ħafna kwiekeb,
U qalbi serħ ma taf issib imkien.

Alfred Grech.
20/08/2019

No comments:

Post a Comment