Monday 12 August 2019


Image result for big wave

Qawwija Din Il-Mewġa.

Qawwija din il-mewġa ta’ li
ma jimpurtani xejn u niġi naqa’u nqum
li tordom bir-ritmi sataniċi tagħha
dak kollu li hu sabih
li hu huwa wirt
li hu tagħna.

Oxxena hi dik l-id
li toqtol dak li hu ħaj tassew
li issa ċarrtet il-maskra minn wiċċ
min kien jipposa ta’ xi feddej
u issa mhux ħlief joqtol is-siegħat,
iż-żmien u s-siġar maqlugħa minn għeruqhom
biex mingħalih iwessa’ t-toroq li jwasslu għall eżilju.

U issa nafu li l-allat t’olimpu
ma jimpurtahomx mill-ġejjieni
tagħna l-bnedmin komuni
għax huma megħedijin iħarsu l-isfel
mill-quċċata fejn qiegħdin
lejna ċ-ċorma għarwiena tal-imġiddmin
filwaqt li huma hemm fis-sakra tal-ħtif
u l-benna tal-ambrosia.

Ma jasal qatt lejhom il-krib
id-dieqa tal-ikkalzrati
fuq din ir-roqgħa art tal-iskwallur
avvilenti u deżolanti.

Qawwija din il-mewġa
li rikbuha huma biss
li għandhom moħħ bħal tax-xadini
li jgħixu fl-opulenza u fl-affluwenza
imxaħxħa fit-tixħim u fit-tħaxxim
ta’ dak li huwa sewwa minn qaddisu.

Alfred Grech
12/08/2019.

No comments:

Post a Comment