Monday 6 April 2020


Cars On A Highway Going Through A Long Modern Tunnel (motion ...

Ersaq ’l-Hawn.

Ersaq ’l-hawn u għannaqni ftit
Infettani bil-mard tiegħek
Il-meħla ssuq lilha nfisha
Kulħadd bil-maskar f’wiċċu
Għaddej żbrixx minn ħdej nis-skiet
Hekk kif tikser il-kantuniera.
Ilpup feroċi l-werrieta
Jaħtfu u jferrxu dak li ġemgħet
In-nemla. L-Avultuni jirgħu
Fuq il-priża ta’ ħaddieħor
U jħajjru ’l-min għandu
biex ibieġħ ħwejjġu u jibqa’ jgħix
Fuq sħaba diġitali.
Hawn bċieċen li jitilgħu huma wkoll
Fuq il-passarella sabiex jidhru
Bħal ħaddieħor u
Viva Malta Tagħna
Din l-art mimlija ħalib u għasel
Dil- bużżieqa ekonomika
Imdendla mal-ħajta li niżġet
Il-brimba. Hekk il-ġejjieni
Fuq dil-blata solitarja
Li ma tittieħed minn ebda mudell
Tal-friefet il-lejl isoffu u jerdgħu
Demm ħaddieħor.
Tistaqsinix kif sibna ruħna
Fid-dlam ta din il-mina
Ibku lilekom u lil uliedkom.

Alfred Grech
06/04/2020.

No comments:

Post a Comment