Monday 20 April 2020


Why Do We Dream? – Health Essentials from Cleveland Clinic

Int Tibqa’.

Int ma togħliex aktar
’l-fuq mix-xifer tas-sħab li jiggalleġġja
Fuq xfar inżul ix-xemx imdemmi
Tlewwen bid-deheb u bil-ħmura
Ta’ ħaddejk it-tarf ta jum bla fejda,
Għax għaddiet tgeżwir’ oħra
F’jum ieħor ta’ jasar u ħelsien mill-għarqa
F’jum ieħor ta’ skiet inkandexxenti
Taħt sema jibki l-umdita’ t’April
Imdenndel bin-nida knkullat
Mal-weraq u maz-zkuk.

Int ma titlifx is-seħer
Ma kull pawsa li tagħmel
Għax kull tqanqila, kull ċaqliqa
Tirreġistra graffiti fuq il-ħajt
Li tellajna bejnietna.

Int ma tkunx aktar fuq il-ponta
Ta’ lsieni kull meta nlissen
Xi sillaba stunata li teħel
F’nofs l-għanja li baqgħet qatt ma twieldet
Bħal min jieqaf u ma jagħtasx.

Int tibqa’ tidhirli bħad-dellijiet
F’nofs ta’ lejl u jiena bħal min
Jimxi bla ma jara waqt il-ħolm
Li ninsa malli nqum.

Aktarx li meta nibda ntektek
Fuq it-tastiera biex nibgħatlek xi messaġġ
Inkun taħt is-seħer tal-allat
Tat-tielet u tar-raba’ ġenerazzjoni
Li għandhom is-sens pervers
Li jiġbu saqajn il-bniedem
Inkella kont xi bagħal
Ta’ xi divinita’.

Int tibqa’ dejjem f’moħħi
Bħal ikona li ġġibli r-risq
Jew li quddiemha minn żmien għal żmien
Ninxteħet għarkuptejja.

Alfred Grech
20/01/2020.


No comments:

Post a Comment