Tuesday 17 March 2020


Image result for hanging  to a web string

Hekk Sabiħa l-Ħajja.

Hekk sabiħa l-ħajja
Mingħajr it-tvenvin u ż-żarżir
It-tinwiħ u twerdin tal-vetturi
Tat-tħaddim tal-magni travolġenti
Li jnesuna s-sabiħ
Ta’ dak li għalih qed ngħixu.

Hekk sabiħa l-ħajja,
Mingħajr in-nugrufun u tniġġiż
F’dak kollu li nibilgħu jew li nisimgħu
Biex f’daqqa waħda ntbaħna
Kemm hija bnina l-arja pura.

Hekk sabiħa l-ħajja
Mingħajr il-ġiri u l-qtugħ in-nifs
It-tfexfix sabiex twassal u tasal fil-ħin
Inkella jittimbrawkx għażżien
U dejjem tasal tard.

Hekk sabiħa l-ħajja
Mingħajr l-iskadenzi tat-termini
Li trid tlaħħaq magħhom
U bla ma taħseb minn qabel xi trid tgħid
Hekk kif tgħix kif int imdorri
Fuq il-ponta tax-xafra li taqta’.

Hekk sabiħa l-ħajja
Meta kulħadd, kbir u żgħir
Għani u fqir jinsab imdendel
Mal-ħajta tal-għanqbuta
U jekk dik tinqata’ hemm l-abbiss
Il-bir bla qiegħ.

Hekk sabiħa l-ħajja
Għaliex hekk u hekk biss
Irridu nieqfu u nidħlu mill-ġdid fil-fosdqa
U nistaqsu lilna nfusna
Min aħna?

Alfrred Grech
17/03/2020

No comments:

Post a Comment