Friday 6 March 2020


Image result for magic

Ma Jibqa’ Xejn.

Imbagħad inħoss is-seħer
Bħal meta ngħaddi qribek
U nxomm ir-riħa tas-seħer
Tal-infinit.

Imbagħad noqgħod fuq il-mambar
Tal-profeta waħdi u għarwien
Inkella nimxi  fuq ir-rigi
Ta’ versi li qatt ma nkitbu.

Tibzax u taqtax qalbek tfittixni
Lili għad issibni fl-ispazji
Fejn qatt ma kont tistenna
Għax jien ferrixt matul il-mixja kollha
Waqtiet minn ħajjti
Bħal petali ta’ ward matul il-purċissjoni
Biċċiet li lewwnu u libbsu
Dak kollu li qed taħseb fuqi.

Xħin timxi bi dritt
Mal-binarji li fassalt
Fuq sħab l-għanjiet minn tiegħi
Tintebaħ li meta nitlaq
Ma jibqa’ xejn
Għajr rima skiet
Qalb l-għajjat tal-folla.

Alfred Grech
06/03/2020.

No comments:

Post a Comment